© 2010 DOI- Pierre Sammut
Valletta Grand Prix Historic & Classic Car event launched at press conference
The Hon. Mario de Marco, Parliamentary Secretary for Tourism, and the Hon. Clyde Puli, Parliamentary Secretary for Youth and Sport, launch this year's edition of the `Valletta Grand Prix` Historic and Classic Car Event organised by the Valletta Grand Prix Foundation with the collaboration of the Malta Tourism Authority and the National Sports Council.
Imniedi l-Valletta Grand Prix Historic & Classic Car Event 2010
Is-Segretarju Parlamentari għat-Turiżmu, l-Onor. Mario de Marco u s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport, l-Onor. Clyde Puli, llum wara nofsinhar niedew il-Valletta Grand Prix Historic & Classic Car Event, li se jsir bejn l-4 u d-9 ta’ Mejju li ġej. Din l-attività qed issir mill-Fondazzjoni Valletta Grand Prix.
F’kelmtejn, is-Segretarju Parlamentari de Marco qal li attivitajiet simili huma mportanti għat-turiżmu tagħna u li l-istrateġija tal-Gvern hija li jkollna kalendarju ta’ attivitajiet dejjem għaddej, aġġornat u nnovattiv. Dawn l-avvimenti huma importanti, mhux biss għalina l-Maltin, imma anke wkoll għat-turisti, u dan mhux biss minħabba l-fatt li meta t-turisti jkunu fostna, qed noffrulhom attivitajiet fejn imorru u jipparteċipaw; imma fuq kollox, għaliex bi programm ta’ attivitajiet ippreparat u mxandar minn qabel, qegħdin noħolqu valur addizzjonali fil-promozzjoni ta’ pajjiżna u nindirizzaw udjenzi partikolari li snin ilu ma konniex nilħqu.
Hu żied jgħid li dan fid-dawl tal-fatt, li dejjem aktar turisti qed jiġu pajjiżna b’mod indipendenti, billi jibbukkjaw minn fuq l-internet u jsibu l-informazzjoni kollha meħtieġa dwar id-destinazzjoni fejn sejrin, permezz tal-portal tal-MTA: www.visitmalta.com li għandu informazzjoni dettaljata tad-diversi attivitajiet li jsiru f’pajjiżna matul is-sena. B’żieda ma’ dan, l-MTA se tkun qed tippubblika fuljett b’din l-informazzjoni, li mhux biss se jintuża f’Malta, imma anke f’fieri internazzjonali tal-ivvjaġġar.
Dr de Marco temm jgħid li l-istrateġija tagħna f’dan is-settur ta’ turiżmu sportiv timmira sabiex Malta ssir aktar magħrufa għall-faċilitajiet sportivi li toffri f’diversi oqsma u fost l-avvenimenti ta’ preġju li għandna matul is-sena, bħal per eżempju r-Rolex Middle Sea Race.

© 2010 DOI- Pierre Sammut
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport, l-Onor. Clyde Puli semma kif il-ħidma tal-Gvern li jattira Turiżmu Sportiv matul is-sena li għaddiet ħalliet il-frott tagħha hekk kif bi skema apposta, kienu attirati lejn pajjiżna madwar 22,000 bednight. Dan sar billi 22 għaqda sportiva organizzaw xejn anqas minn 35 attività internazzjonali.
Din l-iskema ta’ turiżmu sportiv tgħin, finanzjarjamet u permezz ta’ assistenza teknika, lill-għaqdiet sportivi reġistrati mal-Kunsill Malti għall-Isport (KMS), jagħmlu l-bid tagħhom biex jattiraw avvenimenti sportivi lejn Malta. L-iskema imbagħad tkun aktar attraenti meta tagħti wkoll ammont ta’ ħames ewro (€5) fis-shoulder months u tliet ewro (€3) fil-peak season għal kull bednight li tinġieb Malta mill-għaqdiet sportivi reġistrati mal-Kunsill Malti għall-Isport.
Clyde Puli tenna li wara s-suċċess li nkiseb permezz ta’ din l-iskema matul l-2009, għal din is-sena l-Gvern kompla saħħaħ dan l-investiment billi alloka xejn anqas minn €300,000 biex għaqdiet sportivi jitħajru jtellgħu attivitajiet ta’ turiżmu sportiv, inkluż f’Għawdex.
Kelliem għall-Fondazzjoni, is-Sur Joe Said qal li l-Fondazzjoni twaqqfet dan l-aħħar bl-appoġġ tal-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta, l-Kunsill Malti għall-Isport u l-Kunsill Lokali Valletta. Hu qal li għal din is-sena l-attività se tkun waħda b’vetturi kemm ta’ sidien lokali u kif ukoll numru ta’ parteċipanti barranin. Dan se jsir permezz ta’ attivitajiet u promozzjoni barra minn Malta għal dan l-avveniment li għandu l-potenzjal li jolqot in-numru kbir ta’ dilettanti f’dan il-qasam.
Is-Segretarju tal-Fondazzjoni, is-Sur Charles Zahra ta d-dettalji ta’ din l-attività li se tkun tinkludi tiġrija full circuit madwar il-Belt u esibizzjonijiet b’vetturi minn diversi epoki f’diversi inħawi tal-Belt Valletta u l-Floriana, u anke Għawdex
Preżenti għall-Konferenza tal-Aħbarijiet kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta, is-Sur Josef Formosa Gauci, is-Sindku tal-Belt Valletta, Dr Alexei Dingli u s-Sindku tal-Furjana, is-Sur Nigel Holland.
DOI – 04.02.2010
This issue is available at: 0912.