[Main Menu] | [TOP]

Summer 2009issue #022

'Our beaches stand front and centre in the government's tourism strategy. The Blue Flag certification is a clear signal of the government's continued investment in the tourism product we offer.' - Hon Mario de Marco, Parliamentary Secretary for Tourism© MTA -Jurgen Scicluna

Three beaches in Malta gain Blue Flag certifications

St George's Bay gains Blue Flag status for the first time whilst the blue Flag certificate for the Bugibba perched beach was renewed for this year as well. Golden Bay has been certified as a Quality Beach by the local representatives for Blue Flag. Regarding cleanliness and hygiene, the local beaches reached a compliance rate of 98.9% in an annual report issued by the European Union.


NUMRU TA’ BAJJIET B’SERVIZZ TAL-OGĦLA LIVELL – IL-BAJJA TA’ SAN ĠORĠ TIKSEB IL-BLUE FLAG GĦALL-EWWEL DARBA

“Il-bajjiet tagħna għandhom importanza strateġika fl-offerta turistika tagħna u l-kisba tal-Blue Flag fil-Bajja ta’ San Ġorġ u taċ-Ċertifikat għall-perched beach ta’ Buġibba hu sinjal ċar u b’saħħtu tal-impenn tal-Gvern sabiex b’mod kontinwu jkompli jinvesti fil-prodott turistiku ta’ pajjiżna.”

Is-Segretarju Parlamentari għat-Turiżmu, l-On Mario de Marco qal dan waqt attività fejn matulha, l-Awtorità tat-Turiżmu ngħatat il-Blue Flag għall-bajja ta’ San Ġorg mill-Blue Flag International. Huwa qal li minn stħarriġ regolari li tagħmel l-MTA, aktar minn nofs miljun turist jgħid li jiġi fostna minħabba x-xemx u l-baħar, u dan ifisser li rridu nkomplu naħdmu sabiex dan l-aspett tal-prodott turistiku tagħna jibqa’ jissaħħaħ.

Huwa kkummenta wkoll fuq dak li seħħ aktar kmieni din il-ġimgħa f’Golden Bay, fejn żewġ tfajliet barranin kienu salvati mill-persuni responsabbli għas-Servizz ta’ Lifeguard fuq il-bajja pprovdut mis-Soċjetà Nazzjonali tas-Salvataġġ u li huwa ffinanzjat kompletament mill-MTA. “Huwa dan li qed nipprovaw inwettqu fl-iktar bajjiet popolari – servizz effiċjenti u tal-ogħla livell li permezz tiegħu noffru serħan il-moħħ,” żied Dr de Marco.

Is-Segretarju Parlamentari għamel referenza għall-aħbar riċenti li l-ilma tagħna huwa fost l-aqwa fl-Ewropa f’dik li hi ndafa u iġjene, fejn ir-rapport annwali tal-U.E. dwar il-kwalità tal-ilma għall-għawm wera li Malta kellha compliance rate ta’ 98.9 fil-mija. – l-aħjar rata minn meta din bdiet titkejjel fl-2004. Hu sostna li dan ifisser li għandna naħdmu sabiex is-37 bajja ramlija u kif ukoll il-31 bajja tal-blat li għandna f’Malta u Għawdex nibqgħu nħarsuhom u nindukrawhom għax huma fiċ-ċentru tal-offerta turistika tagħna.

Dr de Marco wera s-sodisfazzjon tiegħu li għall-ewwel darba f’pajjiżna, issa għandna bajja li għandha l-full Blue Flag Status. Dan ifisser li pajjiżna huwa wieħed mis-38 pajjiż madwar id-dinja li għandu bajjiet fl-iprem livell ta’ kwalità.

“Fuq nota pożittiva, irid jingħad li l-bajja ta’ Buġibba – il-perched beach – din is-sena reġgħet kisbet il-Blue Flag Certificate, filwaqt li Golden Bay ingħatat iċ-Ċertifikat ta’ Bajja ta’ Kwalità (Beach of Quality). Dawn it-tliet bajjiet huma t-tliet bajjiet minn erbgħa li huma mmaniġġjati mill-Awtorità tat-Turiżmu. Ir-raba’ bajja li bdejna nimmaniġġjaw hija dik tal-Għadira, filwaqt li l-MTA se tkun qed tiffinanzja s-servizz ta’ Lifeguard f’Għajn Tuffieħa li hija mmaniġġjata mill-Fondazzjoni GAIA.”

Dr de Marco temm jgħid li dawn ir-riżultati miksubin huma frott tad-diversi snin ta’ ħidma u ppjanar mit-Taqsima tal-bajjiet fi ħdan id-Direttorat tal-Iżvilupp tal-Prodott tal-MTA. L-għan kien dejjem dak li min juża dawn il-bajjiet – kemm Maltin u kemm barranin – ikun jista’ jagħmel dan f’ambjent organizzat, b’ċerti livelli ta’ sigurtà u billi jingħata informazzjoni dwar il-post.

Ir-rappreżentant tal-Blue Flag International f’Malta, s-Sur Vince Attard minn Nature Trust, ta dettalji dwar il-kriterji tal-Blue Flag li jfissru aktar sigurtà bil-preżenza ta’ lifeguards matul il-jum il-ġimgħa kollha b’appart adegwat; klinika, l-ittestjar tal-kwalità tal-ilma fuq bażi regolari, separazzjoni tal-iskart fuq il-post, aċċess adegwat għall-persuni b’abbilitajiet differenti, latrini pubbliċi, il-preżenza ta’ beach supervisor u beach cleaners li jkunu fuq il-post il-ġimgħa kollha; pannelli ta’ informazzjoni dwar il-bajja u dwar l-ambjent naturali tal-post; u kif ukoll numru ta’ attivitatjiet edukattivi ambjentali kull sena.

Is-Sur Attard spjega li l-bandiera tingħata wara numru ta’ snin li bajja tkun immaniġġjata tajjeb u b’mod konsistenti, bi kwalità tal-ilma tajba u l-infrastruttura meħtieġa. Irid jingħad li l-applikazzjoni biex bajja tingħata l-bandiera trid issir kull sena u l-FEE timmonitorja b’mod frekwenti u kostanti l-andament minn sena għal sena. Hu qal ukoll li l-bandiera l-Blu tittajjar fuq il-bajja meta l-kriterji kollha huma osservati. Meta għal xi raġuni dawn ma jkunux, il-bandiera trid titniżżel. Is-Sur Attard semma wkoll li Golden Bay għandna ċ-ċertifikat tal-Bajja ta’ Kwalità. Dan jingħata mir-rappreżentanti lokali tal-Blue Flag, u jfisser li l-immaniġġjar tal-bajja huwa wieħed tajjeb imma li ma jolqotx il-kriterji kollha tal-Blue Flag.

Fit-tmiem tal-attività huwa ppreżenta lil Dr de Marco u lis-Sur Sam Mifsud, Chairman tal-MTA, bil-bandiera għall-Bajja ta’ San Ġorġ, iċ-Ċertifikat Blue Flag għall-Bajja ta’ Buġibba u bil-Beach of Quality Certificate għall-Golden Bay.

This issue is available at: 0907.


[Main Menu] | [TOP]