“Inġeddu u ntejbu l-prodott turistiku tagħna” – Dr Mario de Marco
“Irridu naraw kif ilkoll flimkien inkomplu noħolqu attivitajiet u inizjattivi li jġeddu u jtejbu l-prodott turistiku tagħna għaliex huwa dan li jiddistingwina minn destinazzjonijiet turistiċi oħra fir-reġjun tagħna.”
Is-Segretarju Parlamentari għat-Turiżmu fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, l-On. Dr Mario de Marco qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha tħabbru d-dettalji ta’ numru ta’ attivitajiet li se jfakkru l-210 anniversarju minn meta l-Franċiżi ċedew l-armi u ħallew il-gżira Għawdxija.
L-On. de Marco sostna li dawk kollha involuti fit-turiżmu – il-Gvern, il-Kunsilli Lokali, is-settur privat u l-għaqdiet mhux governattivi – iridu jaraw kif se jkunu kreattivi sabiex il-prodott turistiku tagħna jitjieb, jiġġedded u jkun ta’ attrazzjoni dejjem akbar għat-turist. Huwa semma wkoll li f’dan il-każ partikolari, kien qed ikun indirizzat ukoll it-turiżmu intern lejn Għawdex u dan huwa importanti għaliex dak kollu li jsir f’dan il-qasam m’għandux iseħħ għall-barranin biss, iżda l-ewwel u qabel kollox għalina stess.
Is-Segretarju Parlamentari għat-Turiżmu rrefera wkoll għal xi kummenti li saru dan l-aħħar dwar it-turiżmu f’Għawdex. Huwa sostna li filwaqt li nżommu saqajna mal-art, ikun tajjeb ukoll li nirrikonoxxu l-kisbiet li għamilna, fejn fuq il-medda tad-disa’ xhur bejn Jannar u Settembru, in-numru ta’ passiġgieri lejn Għawdex żdied b’aktar minn erbgħa fil-mija – jew aktar minn 130,000 – fuq l-istess perjodu s-sena l-oħra. In-numru ta’ vetturi li nġarrew mill-Gozo Channel żdied ukoll b’ħamsa fil-mija u kif ukoll il-vjaġġi żdiedu bi kważi tnejn fil-mija. Dwar l-akkomodazzjoni f’Għawdex irid irid jingħad li fl-ewwel seba’ xhur ta’ din is-sena, Għawdex irreġistra żieda ta’ ftit aktar minn tlieta fil-mija fuq l-istess perjodu s-sena l-oħra f’dik li hi numru ta’ ljieli totali li l-Maltin u l-barranin qattgħu f’Għawdex.
Dr de Marco kkonkluda li huwa fatt li l-industrija tat-turiżmu se tkun qed tiffaċċja sfidi diffiċli minħabba l-problemi finanzjarji internazzjonali u minħabba t-theddida ta’ reċessjoni li hemm fi swieq turistiċi kruċjali għal Malta. Huwa għalhekk li jeħtieġ ħidma sfieqa bil-kontribut ta’ kulħadd sabiex naraw kif indawru dawn l-isfidi f’opportunajiet.
Is-Sindku tar-Rabat Għawdex, is-Sur Robert Tabone, tkellem dwar l-attivitajiet li se jinkludu ‘re-enactments’ organizzati flimkien mal-Historical Re-enactment Group of Malta (HRGM) bejn il-Ġimgħa 31 ta’ Ottubru u s-Sibt l-1 ta’ Novembru, fil-Pjazza tat-Tokk, fiċ-Ċitadella u fit-toroq tal-madwar. L-iktar attività interessanti se tkun il-‘battalja’ li se sseħħ is-Sibt fil-għodu bejn l-10.30 u 12.00. Huwa rringrazzja lil diversi organizzazzjonijiet għall-għajnuna tagħhom, fosthom il-Ministeru għal Għawdex, l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta, iċ-Circolo Gozitano, iċ-Ċentru taċ-Ċittadella għall-Kultura u l-Arti, il-kumpanija Gozo Channel u l-kumpanija Coca Cola.
This issue is available at: 0708.