Il-Gvern huwa kommess li jkompli jagħti sehemu sabiex jassigura l-aħjar aċċessibiltà lejn il-pajjiż u li l-prodott turistiku jkompli jitjieb.
Il-Gvern qed jimpenja ruħu biex jitjieb il-prodott turistiku Malti
Stqarrija mis-Segretarjat Parlamentari għat-Turiżmu b’risposta għall-istqarrija mill-Onor. Evarist Bartolo, kelliem ewlieni Laburista għat-Turiżmu
Ċifri għall-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena juru żieda ta’ 22% jew ta’ 38,127 turist fuq l-istess perjodu tas-sena l-oħra. It-total ta’ ljieli li għaddew it-turisti f’Malta u Għawdex laħqu 1,700,100 li jirrifletti żieda ta’ 13% fuq l-istess perjodu tas-sena l-oħra. In-nefqa totali tat-turisti fl-istess xhur hija stmata li laħqet €147.2 miljun (Lm63.2 miljun), jiġifieri żieda ta’ 4.9% fuq is-sena l-oħra.
F’Għawdex żdiedu l-inizjattivi u l-proġetti biex jiżdied it-turiżmu intern u jiżdiedu t-turisti li jżuru Għawdex. Ta’ min ifakkar ukoll li l-ġimgħa l-oħra kellna erbat ijiem ta’ attivitajiet magħrufa bħala Gozo 1234 li raw 80,000 passiġġier jaqsmu bejn Malta u Għawdex. Il-Gvern qed juri l-impenn tiegħu lejn Għawdex mhux biss bl-attivitajiet li qed jorganizza hemm iżda wkoll bil-proġetti kapitali u infrastrutturali li qed jagħmel bħat-terminal il-ġdid ġewwa l-Imġarr, id-diversi toroq arterjali ġodda li saru u proġetti oħra ppjanati bl-użu ta’ fondi kemm tal-Gvern kif ukoll ta’ l-Unjoni Ewropea.
Il-Gvern qed jagħti ħajja ġdida liż-żona turistika ta’ Buġibba, San Pawl il-Baħar, il-Qawra u x-Xemxija b’aktar proġetti li saru dan l-aħħar fl-inħawi bħall-Buġibba Perched Beach, il-manutenzjoni kontinwa tal-promenade ta’ Buġibba u San Pawl il-Baħar, kif ukoll id-diversi attivitajiet li jsiru tul is-sena bis-sehem ta’ l-MTA. Hemm ippjanati diversi proġetti oħra ta’ natura kapitali taħt il-fondi strutturali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Filwaqt li huwa minnu li l-figuri fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena jidhru inkoraġġanti, wieħed għandu jenfasizza li s-suċċess fis-settur turistiku f’pajjiżna jiddependi wkoll fuq l-impenn u l-kooperazzjoni tal-varji stakeholders f’dan is-settur. Il-Gvern huwa kommess li jkompli jagħti sehemu sabiex jassigura l-aħjar aċċessibiltà lejn il-pajjiż u li l-prodott turistiku jkompli jitjieb.
This issue is available at: 0805.